3 minuti qari

Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li daqt se jiżvela l-agħar rapport li qatt ipproduċiet l-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) f’Malta.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, David Casa qal li flimkien ma’ diversi esperti qed jistudja rapport tal-FIAU li ġie leaked lilu. Enfasizza li dan ir-rapport huwa konklussiv u mhuwiex working document.  Qal li dan ir-rapport se jiġi żvelat fil-mument opportun fil-futur qrib. Casa rrimarka li dan ir-rapport serju għandu kundanni fuq il-Gvern Malti, fuq l-istituzzjonijiet Maltin u fuq il-Bank Pilatus.
Mistoqsi dwar jekk kienx ikun aħjar kieku ma kienx parti mid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew (PE) li ġiet tinvestiga s-sitwazzjoni kurrenti f’Malta, il-MPE qal li ħafna mill-akkużi li l-Parlament deherlu li jibda jinvestiga ġew mingħandu u skontu kien għalhekk li ġie mitlub li jimbotta dawk l-akkużi.
Spjega li d-delegazzjoni kienet iffurmata mill-gruppi politiċi kollha tal-PE u saħaq li bl-ebda mod ma’ indirizza lill-membri tad-delegazzjoni. Qal li d-delegazzjoni kellha l-libertà tinvestiga dak kollu li xtaqet tinvestiga.
Qal li dawn l-akkużi kontrih ġejjin b’mod partikolari mill-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant, li fil-fehma ta’ Casa qed jiġi impressjonat b’dak li jara fuq Netflix. Dan għaliex Sant riċentement qal li l-preżenza ta’ David Casa fid-delegazzjoni kien xempju tal-istil okkult li d-delegazzjoni organizzat xogħolha.
Casa stqarr li ried jassigura li d-delegazzjoni tinvestiga biss ir-rispett lejn il-liġijiet tal-pajjiż (Saltna tad-Dritt) u ma riedx li jiddaħħlu affarijiet oħra li “b’xi mod jistgħu jagħmlu ħsara” lis-settur finanzjarju ta’ Malta.
Żied jgħid li r-rapport tad-delegazzjoni bl-ebda mod mhu qed jikkritika lill-poplu Malti iżda jikkritika l-istituzzjonijiet kif qegħdin illum. Żied jgħid li hemm il-kriminali fl-ogħla karigi tal-pajjiż.
Casa rrimarka li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jkeċċi lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, jirtira l-liċenzja tal-Bank Pilatus, u għandu jara li l-kumpanija Nexia BT ma tibqax tidher bħala waħda mill-organizzazzjonijiet qrib l-istituzzjonijiet Maltin.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar jekk il-kritika tal-istituzzjonijiet kinitx immirata wkoll lejn il-Partit Nazzjonalista li m’għamilx ċertu tibdiliet meta kien fil-Gvern, Casa qal li jemmen li s-sistemi mhumiex ħżiena iżda huwa l-mod ta’ kif qed jiġu abbużati dawn l-istituzzjonijiet li huwa ħażin. Madanakollu, stqarr li fid-dawl tal-abbużi li seħħew taħt it-tmexxija ta’ Muscat, wasal iż-żmien ta’ bidla.