Hekk kif Malta fetħet iċ-ċelebrazzjonijiet biex tieħu t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Bank of Valletta li huwa s-sieħeb preferut tal-Fondazzjoni Valletta 2018, żejjen il-bini tiegħu fil-Belt Valletta biex ifakkar dan l-avveniment importanti.
Il-bini fi Triq ir-Repubblika, li fih hemm il-fergħa tal-Bank, qed juri x-xogħol artistiku tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura bi prominenza kemm fuq il-faċċata kif ukoll fuq ġewwa. Il-gallariji ġew imżejna wkoll għall-okkażjoni. Bl-istess mod il-Bank żejjen il-faċċati tiegħu fi Triq San Zakkarija u tal-uffiċċji tiegħu fi Triq Nofsinhar. Barra minn hekk il-Bank qed jagħti ġieħ lit-titlu ta’ Valletta 2018 billi kesa t-triq interna fil-BOV Centre f’Santa Venera.
Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura hija waħda mill-aktar inizjattivi kulturali fl-Ewropa ta’ profil għoli. Il-Belt Valletta ssodisfat il-kriterji kollha, bit-taħlita unika tagħha ta’ storja u ġawhar ta’ arkitettura li huma xhieda ħajja tal-iżvilupp Ewropew u Mediterranju matul dawn l-aħħar sekli. Barra minn hekk, l-inizjattivi li ttieħdu matul is-snin li għaddew, kif ukoll l-attivitajiet maħsuba għal din is-sena se jikkontribwixxu għall-iżvilupp fit-tul tal-Kapitali tagħna.