Nhar il-Ġimgħa sar magħruf li eluf ta’ dokumenti li kienu għand l-Awtorità tal-Artijiet spiċċaw onlajn, aċċessibli għal kull min kellu aċċess għall-internet. S’issa ħadd għadu ma refa’ responsabilità għal dak li ġara.

Kif żvolġiet l-istorja?

Il-Ġimgħa 23 ta’ Novembru:

2 pm: Il-websajt tal-Lands ma tibqax taħdem

5 pm: Newsbook.com.mt jirrapporta li l-website tal-Awtorità ma kienetx qed taħdem.

6 pm: It-Times of Malta jgħid li minn investigazzjoni li għamel ma’ The Shift News instab li kien hemm għaxar gigabytes ta’ informazzjoni aċċessibbli onlajn. Skont it-Times, is-sit tniżżel sigħat wara li rrappurtat dak li ġara lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data

8.30 pm: L-Awtorità tal-Artijiet tgħid li bdiet investigazzjoni

Dan ifisser li l-Gvern żamm skiet perfett dwar il-każ għal madwar sitt sigħat.

Is-Sibt 24 ta’ Novembru

L-Awtorità tal-Artijiet qalet li jidher li ma kienx hemm “foreign, third-party” jew “outside infiltration” fid-data u l-informazzjoni li ma kienetx ippjanta li tkun aċċessibbli għall-pubbliku. It-Times of Malta qalet li jidher li dan mhux minnu.

Il-Ħadd 25 ta’ Novembru

Il-kumpanija Webee Ltd. li żviluppat is-sit tal-Awtorità qalet mas-Sunday Times of Malta li qatt ma kitbet jew disinjat il-code li sarilha l-breach.

The Shift News irraporta li s-Sindku laburista Charlene Muscat ġiet appuntata bħala “l-awditriċi indipendenti ewlenija”. Is-sit qal li m’għandhiex esperjenza vera fl-awditjar.

It-Tnejn 26 ta’ Novembru

Il-websajt tal-Awtorità tal-Artijiet għadha mhix aċċessibbli.

X’qal avukat speċjalista fil-qasam tal-informatika?

Il-każ tad-data breach fl-Awtorità tal-Artijiet jixgħel ħafna bozoz ħomor dwar kif qed tinżamm l-informazzjoni tal-pubbliku mill-Gvern skont l-avukat speċjalista fil-qasam tal-informatika u fil-protezzjoni tad-data Dr Michael Zammit Maempel.

Dr Zammit Maempel qal ma’ Newsbook.com.mt li wieħed jistenna li l-infrastruttura tal-informatika tal-Gvern tkun robusta u massiċċa. Qal li l-każ iqajjem dubji dwar kif qed tinżamm informazzjoni sensittiva dwar il-pubbliku u li din il-ħaġa hija ta’ tħassib għal kull ċittadin. Il-kaz iqajjem dubji wkoll dwar kemm hija mħarsa il-privatezza ta’ kull wieħed u waħda minna.

L-Awtorità tal-Artijiet taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg.