Ġenituri spjegaw kif il-formola tal-kunsens sabiex it-tfal li jagħmlu użu mit-trasport tal-iskejjel tal-Gvern titwaħħlilhom ċippa mal-basket waslet għand il-ġenituri jiem wara li l-istess ċippa ġiet imwaħħla.

Ma’ Newsbook.com.mt il-ġenituri rrimarkaw kif suppost intalbu permess qabel ma twaħħlet iċ-ċippa u mhux wara. Spjegaw ukoll li jekk jiddeċiedu li ma jridux jagħtu permess li din iċ-ċippa titwaħħal, mela wliedhom ma jistgħux jagħmlu użu mit-trasport tal-iskejjel b’xejn offrut mill-Gvern.

“Inħossni dieħla ġo ħabs kull meta mmur l-iskola” – studenta

Studenta tal-Form 4 li tattendi l-Iskola Sekondarja tar-Rabat Għawdex sostniet li issa verament saret tħossha qisha dieħla ġo ħabs kull meta tmur l-iskola. Ma’ Newsbook.com.mt it-tfajla spjegat li ta’ 14-il sena hija responsabbli biżżejjed li titla’ fuq it-trasport tal-iskejjel mingħajr l-użu ta’ ċippa.

Semmiet ukoll kif tfal tal-kindergarten qed jingħataw keychains u mhux ċippa, pass li sostniet juri li tfal żgħar qed jiġu fdati aktar minn dawk ikbar fl-età. Sostniet li tfal tal-età tagħha kapaċi jieħdu ħsieb li jitilgħu fuq it-trasport mingħajr l-użu ta’ apparat tat-tip imwaħħal b’mod “permanenti” mal-basket tal-iskola.

Insistiet li jkun aħjar jekk il-Gvern jara li titranġa s-sitwazzjoni tal-għalliema tal-Malti fejn semmiet kif klassijiet fl-iskola tagħha baqgħu bla għalliema tal-Malti sa’ Novembru, kważi xahrejn wara li bdiet is-sena skolastika.