Mara li akkużat lil raġel li stupraha meta dan ma kienx veru ngħatat sentenza sospiża.

L-Ispetturi Spiridione Zammit u Joseph Busuttil ressqu lill-Ġermaniża ta’ 33 sena l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke, fejn hija ġiet akkużata li akkużat lil raġel innoċenti b’xi ħaġa li m’għamilx u li ppreżentat evidenza falza.

Il-Qorti semgħet kif il-mara, omm ta’ 5 itfal, kienet inkwetata li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu se joħdulha l-iżgħar wild tagħha, li kien qiegħed l-isptar.

Waqt l-interrogazzjoni, hija ammettiet li kienet ivvintat l-istorja li r-raġel kien żammha kontra r-rieda tagħha u stupraha. Hija wieġbet ħatja għall-akkużi.

Il-Qorti tat lill-mara sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal sentejn. Ingħatat ukoll interdizzjoni ġenerali ta’ 10 snin.