Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li f’Malta m’hawn biżżejjed bini għall-uffiċini biex jospitaw lill-kumpaniji li qed jirrilokaw f’Malta minħabba Brexit. Huwa aktar tard iġġustifika l-bejgħ tal-art f’Pembroke lill-grupp Corinthia minħabba l-istess raġuni.

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru ħabbar diversi miżuri li l-Gvern qed jieħu biex Malta tkun preparata f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea bla ftehim, dak magħruf bħala no deal Brexit. Spjega li Malta jrid jibqa’ jkollha l-aħjar relazzjonijiet mar-Renju Unit.

Residenza għal 10 snin

Huwa qal li f’Malta hawn 13,000 Brittanniku f’Malta li minnhom  5,000 jaħdmu. Muscat qal li dawk li jkunu residenti sad-29 ta’ Marzu jridu jirreġistraw għall-dokument ġdid ta’ reġistrazzjoni. Dan qed isir bi ftehim mal-Gvern Ingliż.

Huwa insista li jrid li l-Brittanniċi idealment jibqgħu igawdu d-drittijiet li għandhom u li ma jkunx affettwati negattivament il-lifestyle tagħhom. Dan id-dokument ikun irid jirrifletti li ma għadhomx ċittadini tal-Unjoni Ewropea iżda li ġew Malta meta kienu membri.

“Bħala sinjal qawwi ħafna ta’ rieda tajba tal-Gvern dan id-dokument ikun validu ghal 10 snin, żmien ħafna itwal milli dokument bħal dan jingħata aktar s-soltu.”

Issa jkun imiss li Identity Malta   tipprovdi d-dettalji teknici li anke se juru li residenti li jigu wara Marzu 29 jingħataw id-dokument għal 10 snin.

Il-Prim Ministru qal ukoll li f’kaz ta’ no deal iċ-cittadini Brittanniċi jkunu jistghu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kif wara kollox jistgħu jagħmlu l-Maltin fl-Ingilterra.

Il-qasam tas-saħħa

Il-Prim Ministru qal li Malta trid ukoll li jkun hemm l-aħjar relazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa għax eluf ta’ Maltin  marru għall-kura l-Ingilterra. Huwa qal li l-konvenzjoni ghall-kura tas-saħħa li għandna mar-Renju Unit se tibqa’ applikakabbli.  Il-Gvern se jitlob ukoll lill-Kunsill tal-Mediċina jirreġistra professjonisti Brittanniċi bil-fast track.

Muscat semma li l-Gvern għamel lista  ta’ kull mediċina li l-Gvern jimporta mir-Renju Unit u li ħażen mediċini li ġejjin mir-Renju Unit.

Ajruport u dwana

Il-Prim Ministru semma li qed isiru tħejjijiet kemm fid-dwana kif ukoll fl-ajruport biex ikunu mitigati l-effetti negattivi ta’ no deal Brexit.