Home Grazzi!

    Grazzi!

    4 minuti qari

    Kull bidu għandu tmiem u għalija din se tkun l-aħħar darba għalissa li se nkun qiegħed naqsam ħsibijieti magħkom permezz ta’ dan il-blog. Mhux għaliex din kienet xi esperjenza li dejqitni, xej affattu, imma għaliex issa wasal iż-żmien li nimxi ‘l quddiem lejn esperjenzi ġodda. Nixtieq għalhekk nieħu l-opportunita sabiex nirringrazzja lil Josianne Camilleri u t-tim kollu ta’ Newsbook li offrewli li nkun parti integra tal-bidu ta’ dan is-sit li għandu futur sabiħ quddiemu.

    Hekk kif din il-ġimgħa sejra timmarka l-aħħar ġranet tiegħi fi ħdan il-Kunsill Studenti Universitarji, żgur li se jkunu qegħdin jiġu quddiem għajnejja tliet snin t’esperjenzi li sawwruni u għinuni nsir dak li jien illum. Li tirrappreżenta lil sħabek l-istudenti la hija xi ħaġa faċli u wisq inqas ħaġa li wieħed għandu jieħu ‘for granted’. Hija esperjenza unika li tgħinek tagħraf dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, u jgħaġen fik numru ta’ valuri u responsabiltajiet ġodda. L-edukazzjoni hija l-aktar għodda b’saħħitha li għandu l-bniedem u kburi li nista’ ngħid li f’dawn is-snin li għaddew kont parti minn għaqda ta’ nies li jgħożżu l-edukazzjoni u lesti li jagħmlu minn kollox sabiex jissalvagwardjawha. Sa mill-1901, propju mija u tnax-il sena ta’ storja li jimmarkaw l-eqdem kunsill tal-istudenti fl-Ewropa, il-KSU ilu  fuq quddiemnett tal-ġlieda favur id-drittijiet tal-istudenti u l-edukazzjoni, żewġ pilastri li dejjem kienu fil-quċċata tal-prijoritajiet tal-kunsill. L-appell tiegħi għal futur huwa wieħed sempliċi. Komplu għożżu u emmnu fl-importanza tar-rappreżentanza studenteska. Huwa min hawnhekk li nistgħu nrawmu soċjeta aktar attiva u aktar konxja ta’ dak li qed jiġri madwarha. Huwa minn hawnhekk li nibdew nibnu l-futur tagħna. U issa li l-esperjenza tiegħi waslet fi tmiema, sabiex mal-1 ta’ Ġunju nħallu propju f’idejn il-membri l-ġodda li ġew eletti, m’għandi l-ebda dubju li kollha kemm intom sejrin tkomplu b’mod xieraq ix-xogħol siewi li diġa jsir, filwaqt li tkomplu tħarsu u żżommu l-istudent l-ewwel u qabel kollox.

    Inħossni kburi li nista ngħid li kont nifforma parti sostanzjali minn dan kollu. Id-diversi esperjenzi, in-nies ta’ kull tip u xorta, l-istudenti minn korsijiet u fakultajiet varji; dawn kollha sawru dan il-vjaġġ li għinni nagħraf kemm hu sabiħ li tkun hemmhekk għall-oħrajn. Fi żmien li qattajt ġewwa l-Kulleġġ San Alwiġi, konna nisimgħu ta’ spiss tidwi l-frażi ‘men for others’, u f’dawn is-snin għaraft x’vera jfissru dawn il-ftit kliem. M’inhiex se nsemmi u nirringrazzja lil kull min kien parti ta’ din l-esperjenza miegħi. Hemm wisq nies u wisq aktar nibża li ninsa lil xi ħadd. Biss pero kollha tafu min intom, allura sija l-membri tal-eżekuttiv li kont magħhom, sija dawk li jaħmdu fil-KSU, sija dawk kollha li b’xi mod jgħinuna matul is-sena kollha, sija l-partijiet kummerċjali u fl-aħħar u mhux l-inqas sija intom l-istudenti, m’għandi xejn aktar x’ngħidilkom għajr GRAZZI. Grazzi kbira għaliex propju intom iffurmajtu din l-esperjenza li jiena kelli, esperjenza li tatni lura ħafna aktar minn kemm tajtha jien. U ta’ dan nibqa grat lejkom kollha, għal dejjem!

     

    Mario Cachia