Home Il-Protezzjoni tal-Ħajja l-Prijorita’

    Il-Protezzjoni tal-Ħajja l-Prijorita’

    5 minuti qari

    Għandi quddiemi l-istatistika dwar dan il-konflitt li ilu għaddej minn Marzu ta’ sentejn ilu.  100,000 persuna maqtula u dan issostnih il-Ġnus Magħquda u żewġ miljuni ħarbu mis-Sirja biex isibu kenn x’imkien ieħor.  Minn dawk li ħarbu tliet kwarti minnhom huma nisa u tfal nofshom huma nisa u bniet.  Hemm ħames miljuni oħra tferxu fi bliet u rħula lil hinn minn djarhom.  U dan minn popolazzjoni ta’ tnejn u għoxrin miljun persuna bl-eta medja hi ta’ 23 sena u terz tal-popolazzjoni għandha anqas minn 15-il sena.

    Meta wieħed jiddeċiedi jekk jintervjeniex militarment fi stat janalizza kalkoli strateġiċi, interessi nazzjonali u implikazzjonijiet ġeopolitiċi.  Meta beda l-konflitt xtaqt rajt aktar azzjoni mill-komunita’ internazzjonali.  Meta bdew jidħlu r-rapporti tal-imwiet u nies jaħarbu minn djarhom kella tittieħed deċizjoni li jkun hemm no fly zone biex fuq l-art jinħolqu buffer zones, safe zones u kurridur umanitarju u dan biex tkun protetta l-popolazzjoni ċivili tal-pajjiż.

    Id-dilemma li kellha l-komunita’internazzjonali hu l-fatt li ma teżistiex oppożizzjoni magħquda u ma kienx hemm appoġġ tal-militar għall-qawmien tal-poplu.  Kellek gruppi varji jwettqu rezistenza iżda ma kellek xejn ikkordinat.  Għandek ir-Russja u ċ-Ċina jħarsu l-interessi tagħhom u kull sforz mill-Kunsill tas-Sigurta’ tal-Ġnus Magħquda qiegħed isib l-oppożizzjoni tagħhom.

    Ir-reġim Sirjan kellu u għad għandu l-għajnuna diretta mir-Russja li jaqblilhom jibqa’ kollox kif inhu minħabba li s-Sirja hi alleata tagħhom u l-Iran li ilu juża l-influwenza tiegħu fis-Sirja u fil-Libanu għal dawn l-aħħar snin.  U għalhekk wieħed irid iqis dan bħala sfond għall-proposta li għamlu r-Russja u li fl-aħħar mill-aħħar kien xaqq dawl biex ma jkunx hemm intervent miltari.

    Min-naħa l-oħra s-Sirja għandha l-fruntiera ma’ Israel fejn anke hemm mħedda ta’ art Sirjana okkupata mill-Israeljani fl-Għoljiet tal-Golan, li għalkemm isir ħafna tpaċpiċ ta’ rettorika bejn il-partijiet Israel jaqbillu li għal mument jibqa’ Assad għax jafu fejn huma u ma jridux xi ħadd ieħor imexxi u ma jafux min hu kif ġara fl-Eġittu u fi stati oħra fejn gruppi ta’ estremisti Islamiċi ħadu l-poter f’idejhom.

    Illum għandek min isostni li l-Ġnus Magħquda għandha r-responsabilta’ li tipproteġi lil ħajjin li għadhom fir-reġjun u mhux jieħdu azzjoni għax kien hemm mil-mejtin u allura jekk isir intervent għandu jkollu l-għan li jipproteġi l-ħajja.  Jeżistu l-mekkaniżmi internazzjonali  li min wettaq l-attroċitajiet iwieġeb għalihom u min uża l-gas kontra l-popolazzjoni li għandu responsabilta’ għaliha jħallas ta’ għemilu.  Jeżisti l-mekkaniżmu taż-żamma tal-paċi

    L-Istati Uniti jafu x’falliment kellhom fl-Iraq.  Kemm-il persuna minn tagħhom tilfu ħajjithom f’dak il-konflitt fejn l-argument ewlieni biex saru l-attakki kien il-preżenza tal-armi qerrieda tal-massa u sa’llum ma nstab xejn.  L-Istati Uniti tagħlmet ħafna minn dan u sakemm qiegħed nikteb min irid li jsir intervent militari qiegħed jgħid li dan għandu jkun wieħed limitat u truppi ma jirfsux l-art.

    Hemm min fil-Komunita’ Internazzjonali jsibha aktar faċli li jappoġġja intervent militari iżda fl-istess ħin itella’ ħajt biex ma jilqax f’pajjiżu lil dawk li qegħdin jaħarbu mill-qilla tal-gwerra li għaddejja.  Fost dawn hemm ukoll kollegi stati tagħna fl-Unjoni Ewropeja li taw direttivi biex il-pajjiżi stati joqgħodu attenti dwar x’tip ta’ protezzjoni jingħataw dawk li jispiċċaw f’arthom.  Fil-Mediterran bħalissa hemm moviment qawwi ta’ persuni jfittxu kenn wara li spiċċaw ‘l barra minn djarhom, lil hinn mill-irħula tagħhom.  L-Unjoni Ewropeja għandu jkollha mekkaniżmu effettiv kif jgħinu lil dawn il-persuni ħafna minnhom nisa u tfal u jkun hemm solidarjeta’ sħiħa u appoġġ lil dawk il-pajjiżi fosthom l-Italja, Greċja, Ċipru u Malta li qegħdin jaffrontaw din l-isfida umanitarja biex tkun salvata l-ħajja.

    Fil-laqgħat li saru f’fora diversi internazzjonali, Malta tenniet il-pożizzjoni tagħha kontra l-qirda ta’ tant ħajjiet iżda għamlitha ċara ukoll li intervent miltari ma kienx wieħed mixtieq.

    Papa Franġisku kien ewlieni fil-pressjoni fuq il-komunita’ internazzjonali biex tagħti widen għall-karba tal-poplu Sirjan.  Iżda kien ċar kontra intervent militari.  Is-Sibt li għadda lejlet il-festa ta’ Marija Bambina, li sejħilha r-Reġina tal-Paġi ħeġġeġ għat-talb u s-sawm biex ikun hemm il-paċi f’dan ir-reġjun.  Laqgħu s-sejħa persuni li jħaddnu reliġjonijiet differenti u anke min ma jemminx.  Papa Franġisku qal “gwerra qatt iżjed, qatt aktar gwerra.  Kemm sofferenzi, kemm qerda u kemm uġiegħ jikkaġunaw l-armi.”

    Papa Franġisku jibqa’ jittama u jien ħa nimxi fuq il-passi tiegħu.  Ejjew nerġgħu nagħtu ċans, ikun hemm impenn b’kuraġġ u determinazzjoni biex permezz tad-djalogu u n-negozjati bejn il-partijiet bl-appoġġ unanimu tal-Komunita’ Internazzjonali tinstab soluzzjoni.

     

    Dr. Joe Mifsud

    Avukat