Home L-investiment tal-UE fl-iżvilupp taż-żgħażagħ

    L-investiment tal-UE fl-iżvilupp taż-żgħażagħ

    5 minuti qari

    Proprju fiż-żmien propizju. Il-ġimgħa l-oħra, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE approvaw il-baġit għall-programmi ewlenin tal-UE li jsostnu liż-żgħażagħ b'opportunitajiet ta' mobilità fl-edukazzjoni, l-impjieg u r-riċerka. Għall-perjodu 2014-2020 ir-riċetti li ħadmu s'issa, bħall-programm Erasmus, se jiġu estiżi – l-Erasmus+ se jippermetti li iktar minn 4 miljun ruħ jirċievu għajnuna biex jistudjaw, jitħarrġu, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat barra f'pajjiżhom. Minn dawn madwar 10,000 se jkunu Maltin.

    Ma ndumux ma nkunu drajnieh il-programm Erasmus+. Issa twessa’ biex jinkludi partnerships bil-għan li jgħinu fit-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, l-immodernizzar u t-titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni. Se jkun hemm ukoll il-programm Horizon 2020, li huwa l-programm ewlieni għar-riċerka u l-iżvilupp.

    L-aħjar mod kif taqbad irkaptu ta’ dan kollu huwa billi żżur il-fiera 'Youth on the Move' li se ssir fi Pjazza San Ġorġ il-Belt dan il-weekend. Hemm se ssib l-informazzjoni kollha miġbura f’post wieħed. 'Youth on the Move' hija inizjattiva li diġà tat liż-żgħażagħ informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni u ta’ impjieg f’bosta bliet madwar l-Ewropa kollha.

    Il-mobilità tikkonċerna liż-żgħażagħ. Tikkonċerna wkoll in-negozju. Bl-istess mod kif in-negozji jistgħu jifirxu ’l barra minn pajjiżhom biex jisfruttaw is-suq enormi tal-UE, bl-istess mod in-negozju Ewropew jirsisti biex jiftaħ hawnhekk. Għalhekk, li ż-żgħażagħ ikunu esposti għal informazzjoni adegwata dwar l-opportunitajiet li jeżistu fil-kuntest li jifrex madwar l-Ewropa sħiħa, ma jgħoddx biss għal dawk li diġà qatgħuha li għada pitgħada biħsiebhom isiefru. Importanti wkoll għal dawk li jixtiequ jsibu xogħol hawnhekk ukoll.

    Hawn Malta, forsi naħsbu li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa fenomenu li ma jolqotniex wisq. Fl-UE kollha, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija aktar mid-doppju tar-rata tal-qgħad inġenerali. Bħalissa, hemm iktar minn żagħżugħ Ewropew minn kull ħamsa fis-suq tax-xogħol li ma jistgħux isibu impjieg.

    Dawn huma ċifri xokkanti u allarmanti. Illum il-ġurnata aħna bbumbardjati biċ-ċifri, imma meta tqis li dejjem hemm bniedem wara dik l-istatistika, in-numri jolqtuk fil-laħam il-ħaj. Meta taħseb dwar kull persuna żagħżugħa li dak in-numru jirrappreżenta, tkun qed tħares lejn kull persuna li lestiet l-edukazzjoni tagħha, bi speranzi għoljin ta’ karriera iżda li issa qed issofri l-konsegwenzi tal-fatt li ma tistax issib xogħol.

    Il-mexxejja tal-UE diġà qablu fil-prinċipju dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ f’kull pajjiż. Issa trid tibda titħaddem fil-prattika u l-UE qed tgħin f’dan ir-rigward permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (aktar minn 10 biljun euro kull sena fil-perjodu 2014-20), sors ewlieni tal-fondi tal-UE li jista’ jgħin lill-Istati Membri biex jiffinanzjaw il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

    Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi Qafas għall-Apprendistat li jkun jippermetti liż-żgħażagħ jiksbu esperjenza ta' xogħol ta’ kwalità taħt kundizzjonijiet xierqa. B'hekk l-apprentisti ma jiġux sfruttati mill-kumpaniji bħala kieku kien xogħol bl-irħis. Apprendistati ta’ kwalità huma ta' benefiċċju għall-kumpaniji wkoll, għaliex iżidu l-impjegabilità taż-żgħażagħ u għalhekk iwasslu għal ħiliet aqwa li jaqblu ma’ dawk il-ħiliet li huma meħtieġa.

    Irridu li nqabblu aħjar il-ħiliet tan-nies ma’ dawk li hemm bżonn fis-suq tax-xogħol. Madwar l-Ewropa kollha, min iħaddem qed ifittex ħiliet li ma jistax isib fis-suq tax-xogħol tiegħu, filwaqt li hemm ħaddiema tas-sengħa li jinsabu bla xogħol. Fil-European Vacancy Monitor, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika regolarment informazzjoni dwar x'ħiliet hemm bżonn, u fejn. Minkejja l-livell rekord ta’ qgħad fl-Ewropa, għadd ta’ karigi għadhom ma jistgħux jimtlew f’ċerti pajjiżi.

    Tqabbil aħjar tal-ħiliet jista’ jinkiseb permezz ta’ previżjoni aħjar ta’ dawk il-ħiliet li se jkunu meħtieġa, u li jippermetti lill-awtoritajiet rilevanti u l-partijiet interessati biex jadattaw il-kurrikulu tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jippermetti illi ż-żgħażagħ jagħmlu għażliet aktar informati ta’ edukazzjoni u karriera.

    Għal dawk li lesti li jħallu pajjiżhom, il-portal tat-tfittxija tax-xogħol EURES (www.eures.europa.eu) jagħti aċċess għal aktar minn 1.4 miljun post tax-xogħol battal u kważi 31,000 entità rreġistrata li joffru xogħol. Madankollu, in-netwerk tal-EURES għadu mhux qed jilħaq il-potenzjal li għandu. Minħabba f’hekk il-Kummissjoni Ewropea bdiet riforma biex tagħmel is-sistema sħiħa tal-EURES aktar reattiva għar-realtajiet tas-suq tax-xogħol.

    Jekk ma tafx minn fejn se tibda, m’intix waħdek. Irridu nkunu żguri li l-informazzjoni t-tajba tasal għand dawk li għandhom bżonnha. Hemm bosta punti ta’ informazzjoni f’Malta li jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ biex jiffamiljarizzaw ruħhom ma’ dawn l-inizjattivi kollha. Dan il-weekend se jkunu miġbura kollha l-Belt.

    Il-fiera 'Youth on the Move' se ssir fi Pjazza San Ġorġ il-Belt nhar il-Ġimgħa u s-Sibt 6-7 ta’ Diċembru. Se jkun hemm bosta stands ta’ informazzjoni, dibattiti u attivitajiet oħra.