Home Iż-Żgħażagħ huma s-sinsla għall-futur ta’ Għawdex

    Iż-Żgħażagħ huma s-sinsla għall-futur ta’ Għawdex

    4 minuti qari

    Il-Kunsill Reġjonali taż-Żgħażagħ Għawdxin (Gozo Regional Youth Council) ġie stabbilit reċentament u huwa rrapreżentat minn żgħażagħ Għawdxin li jagħmlu parti minn organizzazzjonijiet varji, kif ukoll minn żgħażagħ li m’humiex membri f’xi għaqda, u dan sabiex ikunu l-vera vuċi ewlenija u soda għall-futur ta’ Għawdex.
    L-għan ewlieni ta’ dan il-Kunsill huwa li jressaq proposti u ideat innovattivi għal Għawdex u sabiex iż-żgħażagħ Għawdxin irawwmu twemmin intern ta kemm verament Għawdex jista’ joffri opportunitajiet aħjar u kemm verament jeżisti futur kif jixraq. It-twaqqif ta' dan il-Kunsill huwa l-ewwel pass -il quddiem biex jagħraf il-fatt, li l-futur ta’ Għawdex huwa mxettel fi ħdan iż-żgħażagħ. Il-Kunsill Reġjonali taż-Żgħażagħ Għawdxin huwa awtonomu mill-Gvern u minn kull istituzzjoni oħra, kemm politika, reliġjuża, kummerċjali jew ta’ natura oħra.  Bħala tim il-Kunsill ser jaħdem biex iressaq proposti dwar Għawdex u l-Għawdxin u biex joffri opportunitajiet li jwessgħu l-prospetti għaż-żgħażagħ Għawdxin.
    Il-Kunsill għandu jaqdi l-ħtieġa biex jispira ħsibijiet innovattivi u kreattivi fis-soċjetà, b'mod aktar konkret permezz tal-ġenerazzjoni żagħżugħa. B’hekk iż-żgħażagħ Għawdxin ikunu l-protagonisti prinċipali fis-soċjetà Għawdxija. Dan ser iwassal biex il-vuċi żagħżugħa tinstema’ b’mod aktar effettiv fuq bażi reġjonali, nazzjonali u internazzjonali.
    Huwa mportanti li titqajjem kuxjenza fost iż-żgħażagħ Għawdxin fuq l-identità Għawdxija u fuq il-futur tal-gżira Għawdxija u anke tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ Għawdxin fi programmi ndirizzati mill-Gvern u mill-Unjoni Ewropea.
    Il-motivazzjoni u d-determinazzjoni fiż-żgħażagħ  jistgħu jwasslu sabiex ħafna mill-problemi ekonomiċi jitnaqqsu. Problema ewlenija u eżistenti f’Għawdex hija msejjħa l-‘brain drain ’ jew fil-qosor l-emigrazzjoni ta’ individwi b’edukazzjoni terzjarja lejn pajjiżi li joffru pagi jew ħajja aħjar.  Nemmen li din il-problema għandha tiġi ndirizzata sabiex b’hekk iż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom l-opportunita’ li jaħdmu ġewwa Għawdex. Għalhekk, peress liż-żgħażagħ ikunu qed jaħdmu f’Għawdex iwassal sabiex -il quddiem l-istess żgħażagħ jinvestu u jiftħu n-negozju tagħhom u b’hekk l-ekonomija Għawdxija tibda tkattar il-frott.
    Iż-żgħażagħ Għawdxin jixtiequ jaraw pjan ħolistiku għal Għawdex. Dan il-pjan għandu jinvolvi kull aspett mill-ħajja tal-gżira Għawdxija, kemm mill-aspett soċjali u kulturali u kif ukoll mill-aspett ekonomiku. Dan il-Kunsill ser ikun is-sinsla sabiex joffri l-għodod meħtieġa liż-żgħażagħ Għawdxin biex hekk ikunu jistgħu verament iwettqu l-bidliet tant meħtieġa f’din il-gżira tant maħbuba.

    Ryan Mercieca                                                                                                                                               President tal-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin