Home Il-Qerd in-Naħal

    Il-Qerd in-Naħal

    5 minuti qari
    Dawn il-ġranet rajna numru ta’ għasafar ipassu lejn l-Afrika, uħud anki jinżlu fil-qiegħa. Xi snin ilu ma kienx daqshekk faċli li wieħed seta’ jarahom, u għalhekk kien ta’ sodifassjon tara nies minn kull faxxa tas-soċjetà, siekta tħares, tissaħħar u anki tieħu ritratt, kemm bil-mowbajl kif ukoll b’apparat sofistikat tar-ritratti.
    Fost l-għasafar kbar li kellna x-xorti li naraw mill-qrib, fost oħrajn, kien hemm numru ta’ ċikonji bojod. Jistrieħu tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod f’għalqa għal ftit taż-żmien qabel ikomplu bil-vjaġġ tagħhom. Rajna wkoll, fost oħrajn, numru ta’ qerd in-naħal kollha kuluri, sbieh, itiru b’mod li jsaħħar. Stajna naraw is-seher u l-mirakli tan-natura iseħħu pass ’l bogħod.
    Kien ta’ sodisfazzjon li wieħed seta’ jara l-frott tal-ħidma sfiqa u fejjieda matul is-snin, kemm ta’ għaqdiet ambjentali mhux governattivi, numru ta’ individwi, kif ukoll għalliema u anki l-gazzetti u l-mezzi tax-xandir.
    Ħassejt bħal sajjetta fil-bnazzi meta qrajt u smajt lil xi ħadd jgħid, anki fuq il-mezzi tax-xandir, li ma jieħux gost jara dan l-għasfur għaliex, kif qal, il-qerd in-naħal jagħmel il-ħsara għax jiekol n-naħal. Inħsadt u erġajt pass lura, għax dan il-kumment jikxef il-ħtieġa ta’ bżonn ta’ aktar edukazzjoni, aktar tagħrif, u aktar bżonn biex wieħed jifhem li l-għasafar huma parti mill-ekosistema li twieżen anki lilna l-bnedmin.
    Huwa minnu li l-qerd in-naħal jiekol in-naħal kif jixhed ismu. Imma minbarra n-naħal dan l-għasfur jiekol insetti oħra bħal ngħidu aħna, fost oħrajn, żnażan, ċikkuġwiebi, u anki bagħal taż-żunżan. Dan l-aħħar smajna u qrajna kemm uħud huma beżgħana minn dan il-bagħal taż-żunżan li qed jersaq aktar qrib  lejn l-urban. U dan il-qerd in-naħal jiekolhom biex jgħix u mhux b’kapriċċ jew għal xi gwadan ieħor. U għad hemm minn ma jistax u ma jridx jifhem li anki l-qerd in-naħal għandu r-rwol tiegħu fis-sistema ekoloġika. In-naħal li jiekol ikunu jew dawk xjuħ, jew inkella mhux b’saħħithom, u għalhekk ikun qiegħed inaqqi l-kolonja minn dawk li jkunu aktar ta’ piż għaliha. Waqt li jiekol hu jkun qed jagħmel il-ġid lin-naħal.
    Meta smajt dan il-kumment li l-qerd in-naħal jagħmel il-ħsara lil min irabbi n-naħal għax jiekol in-naħal, ftakart f’dawk il-flus kemm pubbliċi u kemm le, li jintefqu biex jinxtara u jitħallsu n-nies biex ibexxu kimika velenuża matul il-mogħdijiet u fil-beraħ tal-urban u r-rural, biex joqtlu l-flora u l-fawna li tgħix matulhom. U minbarra l-flora u x-xgħat tal-friefet, u fawna oħra li jinqerdu, jinqerdu wkoll in-naħal: iva n-naħal. U mhux in-naħal biss jinqerdu, imma meta dawk in-naħal imċappsin bil-kimika qerrieda jmorru ġol-miġbħa tagħhom, mhux biss iċappsu lin-naħal oħra, imma jgħaddu din il-kimika wkoll fl-għasel, kif studju fl-Amerika wera.
    Imbagħad ikun hemm xi ħadd li jrabbi n-naħal u bla mistħija jgħid li għax il-qerd in-naħal jiekol naħla jew tnejn biex jgħix, dan qed jagħmel il-ħsara! Imma meta bniedem, bil-għerf li għandu jbexx kimika qerrieda biex jeqred il-ħajja li jolqot, għall-qliegħ tal-flus, dan mhux qed jagħmel ħsara, lanqas lin-naħal! 
    Kulħadd jaf, li dan il-bexx ta’ kimika qerrieda li qed tagħmel ħsara mhux biss lill-ekosistema imma anki lill-bniedem, qed isir għax il-politikanti responsabbli mill-kontrol ta’ dan il-bexx qerriedi, li parti minnu qed isir u jitħallas bi flus pubbliċi, jew ma għandhom lil ħadd biex jiftħilhom għajnejhom fuq din il-ħsara u din il-ħela ta’ flus pubbliċi, jew inkella mhux interessati li jwaqqfu din il-qerda, għaliex jarawha bħala xi ħaġa kummerċjali li tħalli l-qliegħ lil min jużaha.
    U ġib il-għaġeb, kif qalli xi ħadd midħla ta’ dawk li jrabbu n-naħal, li hemm ukoll xi ħadd minnhom li jimportaw il-bexx għall-bejgħ biex jeqred il-ħajja, u jispiċċaw jinqerdu n-naħal ukoll. Imma dan għalihom ma jagħmilx ħsara lin-naħal. Wieħed hawn jista’ jgħid li sakemm in-naħal jinqerdu għall-qliegħ tal-flus, allura mhux ħażin u ma ssirx ħsara!
    Dan juri biċ-ċar li f’dan il-pajjiż, wieħed irid jieħu, jieħu, u jkompli jieħu mingħajr l-ebda ħsieb jew rieda li jgħati xi ftit lura: xejn. U għax għasfur jieħu naħla biex jiekol u mhux għall-qliegħ jew għall-kummerċ, dan qed jagħmel il-ħsara, u qed jagħmel għar minn dak li jimporta, u jbexx din il-kimika qerrieda li toqtol mhux biss lin-naħal, imma kull ħlejqa li tmiss ma’ dan il-bexx. U hemm il-barka tal-politikanti biex dan il-bexx qerried ikompli jsir, anki jekk jeqred lin-naħal. Imma huwa l-għasfur il-qerd in-naħal li jingħad li qed jagħmel il-ħsara!

     

    Alfred E Baldacchino

    Ikkwalifikat fl­-Ippjanar u l-­Immaniġġar tal­-Ambjent

    aebaldacchino@gmail.com
    alfredbaldacchino.wordpress.com